You are here: Home Items Liturġija L-Ewwel Ħadd tar-Randan

L-Ewwel Ħadd tar-Randan

Kien imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh.

 

L-Ewwel Qari

Alla jeħles lil Noè mid-dulluvju u jagħmel patt miegħu.

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi
Alla kellem lil Noè u lil uliedu miegħu u qalilhom: "Arawni, hawn
jien se nagħmel il-patt tiegħi magħkom u ma’ nisilkom warajkom;
ma’ kull ħliqa ħajja li hemm magħkom, mat-tjur u mal-bhejjem,
ma’ kull bhima selvaġġa li hemm magħkom, u mal-bhejjem kollha li
ħarġu magħkom mill-arka. Jien nagħmel il-patt tiegħi magħkom, li
qatt iżjed ma jinqered, ebda laħam ħaj, bl-ilmijiet tad-dilluvju; u qatt
iżjed ma jkun hemm dilluvju biex iħarbat l-art."
U żied jgħid Alla: "Dan ikun is-sinjal tal-patt li jien qiegħed
nagħmel bejni u bejnkom, u bejn kull ħliqa ħajja li hemm magħkom,
għall-ġenerazzjonijiet kollha għal dejjem. Inqiegħed il-qaws tiegħi
fis-sħab, u jkun sinjal tal-patt bejni u bejn l-art. Meta niġma’ s-sħab
fuq l-art u tfeġġ il-qawsalla fis-sħab, jien niftakar fil-patt bejni u
bejnkom u bejn kull ruħ ħajja f’kull laħam; u ma jkunx hemm iżjed
l-ilma tad-dilluvju biex jeqred kull laħam ħaj."

Salm Responsorjali

Rl. : Il-mogħdijiet tal-Mulej kollhom tjieba u fedeltà

Triqatek, Mulej, għarrafni,
il-mogħdijiet tiegħek għallimni.
Mexxini fis-sewwa tiegħek u għallimni,
għax int Alla tas-salvazzjoni tiegħi. Rl.

Ftakar fil-ħniena u t-tjieba tiegħek,
għax huma minn dejjem, Mulej.
Inti tajjeb, Mulej;
ftakar fija skont it-tjieba tiegħek. Rl.

Tajjeb u sewwa l-Mulej;
għalhekk juri triqtu lill-ħatja.
Imexxi l-imsejkna fis-sewwa,
jgħallem lill-fqajrin it-triq tiegħu. Rl.

It-Tieni Qari

L-ilma tal-magħmudija jsalva lilkom ukoll.

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pietru Appostlu
Għeżież, Kristu wkoll miet darba għal dejjem minħabba d-dnubiet;
hu li kien ġust, miet għall-inġusti biex iressaqkom lejn Alla; kien
mogħti l-mewt fil-ġisem, imma ħa l-ħajja fl-ispirtu, li bih mar
ixandar is-salvazzjoni lill-erwieħ li kienu magħluqa fil-ħabs. Dawn
kienu l-erwieħ ta’ dawk li darba ma ridux jisimgħu, meta Alla
qagħad jistenna bis-sabar fiż-żmien li Noè kien jibni l-arka. Ftit,
jiġifieri tmienja biss, salvaw bis-saħħa tal-ilma.
Dan l-ilma huwa tixbiha tal-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll.
Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla
ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien ta’ Ġesù Kristu,
li tela’ s-sema u qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla u għandu taħtu
s-Setgħat u l-Qawwiet tal-anġli.

Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix,
iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.
Rl. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Kien imġarrab mix-xitan, u l-anġli kienu jaqduh.

Qari mill-Evanġelju skont San Mark
F’dak iż-żmien, l-Ispirtu ħareġ lil Ġesù fid-deżert. U baqa’ fid-deżert
erbgħin jum, jiġġarrab mix-Xitan. Kien jgħix mal-bhejjem selvaġġi, u
kienu jaqduh l-anġli.
Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il­ Galilija jxandar l-Evanġelju
ta’ Alla u jgħid: "Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet;
indmu u emmnu fl-Evanġelju."
Merħba

Din hija s-sit uffiċċjali tal-Parroċċa ta' San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa

Ħinijiet tal-Quddiesa

Ħdud u Festi:

6.00, 7.00, 8.00, 9.00, 11.00 am; 5.30 pm fix-xitwa; 6.00 pm fis-sajf

Sibtijiet fil-għaxija:

5.30, 6.30 pm (Minn Lulju sa Settembru: 5.30, 6.30, 7.30 pm)

Matul il-ġimgħa:

6.00, 7.00, 7.45, 8.30 am and 6.30 pm

Ħinijiet ta' l-Uffiċċju Parrokkjali

It-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa

Mid-9.00 am sal-10.30 am

It-Tlieta u l-Ħamis

Mis-6.00 pm sas-6.45 pm

 

 

Suġġerimenti 100 Sena Parroċċa

Fid-9 ta’ Settembru 2013, il-Parroċċa tiċċelebra l-100 sena mit-twaqqif tagħha.

Inħeġġukom tibagħtu s-suġġerimenti tagħkom fl-indirizz suggestions@bugaparish.org jew lill-Uffiċċju Parrokkjali għall-konsiderazzjoni tal-Grupp 100 sena Parroċċa B’Buġa.

Kull korrispondenza tiġi trattata b’mod kunfidenzjali.

Kompetizzjoni Logo / Mużika
« May 2012 »
May
SuMoTuWeThFrSa
12345
6789101112
13141516171819
20212223242526
2728293031